All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Il-kontribuzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-mira ta' Pariġi huma stabbiliti fil-qafas ta’ l-UE ta’ l-enerġija u l-klima u implimentati permezz ta' serje ta' miżuri. Fl-20 ta' Lulju, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pakkett ġdid ta' miżuri biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju fl-Ewropa, li għad irid jiġi approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
Il-pakkett huwa wieħed mill-passi konkreti proposti biex jinkiseb l-impenn ta’ l-Unjoni Ewropea li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tagħha b'40% sa l-2030 meta mqabbel mal-livelli ta’ l-1990. Il-proposti jinkludu tnaqqis vinkolanti fl-emissjonijiet għall-Istati Membri għall-perjodu 2021-2030 u, għall-ewwel darba, jipprevedu l-inklużjoni ta' użu ta’ l-art u l-forestrija fil-qafas ta’ l-UE tal-klima u l-enerġija 2030.
Il-pakkett ser isaħħaħ il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija ta’ l-UE b'mod sinifikanti lejn it-trajettorja fit-tul ta’ l-UE lejn ekonomija kompetittiva b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju. Huwa jagħti ħarsa komprensiva lejn l-emissjonijiet mis-setturi kollha ta’ l-ekonomija: it-trasport, il-bini, l-agrikoltura, l-iskart, l-użu ta’ l-art u l-forestrija u jipprevedi tnaqqis fl-emissjonijiet fis-setturi ekonomiċi kollha. Huwa jibni wkoll fuq ir-riforma tas-Sistema ta’ l-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS), proposta f'Lulju 2015, li tkopri l-emissjonijiet mis-setturi industrijali u ta’ l-enerġija.
Barra minn hekk, it-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa previst li jiġi ffaċilitat permezz ta' numru ta' inizjattivi politiċi speċifiċi għas-settur jew pakketti usa', bħall-istrateġija ta' mobilità b'emissjonijiet baxxi jew il-pakkett tal-ekonomija ċirkolari.
Fi snin reċenti, ħafna mir-rapporti tagħna, inkluż Europe’s environment – State and outlook 2015 (SOER) (L-Ambjent ta’ l-Ewropa - l-Istat u l-prospetti 2015), ripetutament enfasizzaw l-importanza vitali ta' approċċi sistematiċi. Il-problemi ambjentali tal-lum, inkluż it-tibdil fil-klima, jinvolvu grad għoli ta' kumplessità. Per eżempju, aħna ma nistgħux intejbu l-kwalità ta’ l-arja fl-Ewropa mingħajr trasport b'livell baxx ta' karbonju, bliet imfasslin aħjar, kooperazzjoni internazzjonali msaħħa biex nindirizzaw il-moviment transkonfinali ta’ l-inkwinanti ta’ l-arja, jew netwerk ta' spazji ħodor madwar żoni urbani. It-tibdil fil-klima jista' jaggrava wkoll it-tniġġis ta’ l-arja. L-istess huwa minnu wkoll għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Jeħtieġ li nindirizzaw l-emissjonijiet mis-setturi ekonomiċi kollha u nifhmu l-mudelli tal-produzzjoni u tal-konsum li jiġġeneraw dawn l-emissjonijiet. B'madwar 10 % ta’ l-emissjonijiet globali li bħalissa ġejjin mill-UE, jidher ċar li t-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-Ewropa biss mhux ser isolvi din il-problema globali.
Bl-istess mod, il-valutazzjonijiet tagħna regolarment jenfasizzaw il-ħtieġa għal objettivi ta' politika konsistenti u fit-tul. L-introduzzjoni ta' bidliet fundamentali f'sistemi ewlenin tista' tieħu għexieren ta' snin. Il-bini ta' sistema ta' mobilità jew ta' enerġija nadifa u b'livell baxx ta' karbonju jeħtieġ investimenti sostanzjali fl-infrastruttura u r-riċerka dwar teknoloġiji nodfa. Politiki inkonsistenti mingħajr objettivi ċari x'aktarx jimpedixxu l-investimenti f'soluzzjonijiet innovattivi.
Fl-isfond ta' dan il-qafas ta' politika ta’ l-UE u sinjali inkoraġġanti mill-akbar emittenti tal-gassijiet b'effett ta' serra fid-dinja, l-isfidi li ġejjin jistgħu jinġabru fi tliet raggruppamenti.
L-ewwel raggruppament jikkonsisti f'inputs ta' għarfien. Deċiżjonijiet politiċi sodi jiddependu fuq l-għarfien ibbażat fuq l-evidenza ta' xejriet tal-passat u projezzjonijiet futuri. F'din it-tranżizzjoni, jidher ċar li ser ikollna bżonn dejjem aktar għarfien prospettiv biex jiggwida d-deċiżjonijiet tal-politika tagħna. F'dan il-kuntest, l-EEA għandha l-għan li tipprovdi aktar ċarezza dwar il-kumplessità ambjentali.
It-tieni, hemm l-isfidi relatati ma' interventi u miżuri. Il-qafas ta' politika ta’ l-UE jeħtieġ li jiġi tradott f'inizjattivi konkreti u azzjonijiet fuq il-post minn awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha fl-Istati Membri ta’ l-UE. Dan jeħtieġ koerenza fil-politika u għanijiet fit-tul simili għal dik Ewropea. Implimentazzjoni sħiħa mal-politiki u l-miżuri nazzjonali Membri hija essenzjali.
It-tielet, l-isfidi fir-rigward ta’ l-investimenti jimplikaw li tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju ma tistax tinkiseb permezz ta' investimenti pubbliċi biss. L-investimenti privati jeħtieġ li jiġu mobilizzati wkoll għal proġetti ta' infrastruttura nadifa u riċerka f'teknoloġiji nodfa.
Fil-COP21, f'Pariġi, l-atturi tas-soċjetà ekonomiċi u ċivili kienu strumentali għall-mobilizzazzjoni tan-negozjaturi lejn il-mira aktar ambizzjuża ta' 1.5 grad. Huma ser ikollhom ukoll rwol ewlieni x'jaqdu fl-implimentazzjoni ta' miżuri, id-direzzjoni ta’ l-investimenti u l-kontribuzzjoni għall-għarfien li għandna bżonn.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/lil-hinn-minn-parigi-l or scan the QR code.
PDF generated on 13 Nov 2024, 08:07 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn