li jmiss
preċedenti
punti

Article

Tnaqqis fl-art u fil-ħamrija minħabba l-attivitajiet tal-bniedem

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 14 Dec 2015 Mibdul l-aħħar 11 May 2021
Photo: © Roger Langohr
L-art u l-ħamrija huma essenzjali għas-sistemi naturali u għas-soċjetà umana, iżda l-attivitajiet tal-bniedem jheddu l-funzjonament tar-riżorsi globali tal-art, fosthom il-ħamrija. Għaliex qiegħed jiġri dan? X'qiegħda tagħmel l-Ewropa biex twaqqfu? L-2015 hija s-Sena Internazzjonali tal-Ħamrija, u għalhekk qegħdin nagħmlu dawn il-mistoqsijiet lil Geertrui Louwagie, maniġer tal-proġett għall-valutazzjonijiet u għar-rapportar dwar il-ħamrija fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

X'inhuma l-kwistjonijiet li qegħdin jiffaċċjaw l-art u l-ħamrija?

L-art u l-ħamrija huma riżorsi finiti u mhux rinnovabbli, li jkomplu jiddegradaw, li dan jaffettwa l-kapaċità tagħhom li jiffunzjonaw u jipprovdu servizzi. It-tkabbir tal-ikel, il-produzzjoni tal-bijomassa u tal-bijokarburanti, il-ħżin tal-karbonju, l-ospitar tal-bijodiversità tal-ħamrija, il-filtrazzjoni tal-ilma u r-riċiklaġġ tan-nutrijenti, u l-provvista ta' materja prima qegħdin taħt pressjoni dejjem ikbar. Il-wirt naturali u arkeoloġiku tal-ħamrija qiegħed ukoll f'periklu.

Għadd ta' proċessi jikkontribwixxu għal din id-degradazzjoni inkluż l-erożjoni tal-ħamrija, it-tnaqqis tal-materja organika tal-ħamrija, il-kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-issiġillar tal-ħamrija (ħamrija koperta minn uċuħ impervji, imsejħa wkoll impermeabbiltà.) Dawn qegħdin jiġu kkawżati minħabba attivitajiet tal-bniedem bħat-teħid ta' art, l-intensità ta' l-użu ta'l-art (fost oħrajn riflessa fl-ammont ta' nutrijenti użati fuq art rurali) u l-abbandun ta'l-art. Kull proċess għandu impatt fuq id-dimensjonijiet prinċipali ta' l-art: il-kopertura ta' l-art/l-użu ta' l-art, il-veġetazzjoni u l-ħamrija. Dawn jiddeterminaw il-ħażniet u l-funzjonament tar-riżorsi ta' l-art, u l-flussi derivati ta' prodotti u ta' servizzi. Jaffettwaw ukoll il-valur intrinsiku ta' l-art u l-kontribut tagħha għall-benesseri tal-bniedem.

X'qiegħed isir biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet?

L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti sejrin jistabbilixxu miri għall-isforz globali biex jiġu indirizzati problemi relatati mal-art u mal-ħamrija. F'dan il-kuntest, fl-2012 ġiet introdotta l-Inizjattiva Globali dwar l-Indikaturi ta' l-Art biex jiġi żviluppat sett ta' indikaturi tal-art li jistgħu jinġabru mid-dinja kollha li huma paragunabbli fit-tul. L-inizjattiva, li inizjalment kienet tiffoka fuq id-drittijiet ta' l-art, għandha wkoll l-għan li tinfluwenza l-aġenda globali wara l-2015. Madanakollu, il-komponent ambjentali ma kienx ġie inkluż fl-indikaturi ssuġġeriti. Biex tikkoreġi dan, l-EEA u l-Istitut għall-Istudji Avvanzati dwar is-Sostenibbiltà pproponew indikaturi tal-art u tal-ħamrija biex jiġu ssorveljati l-kisbiet ta' l-SDGs f'termini ta' tibdil fil-kopertura tal-art/l-użu tal-art, il-produttività tal-art u l-karbonju organiku fil-ħamrija.

Kif tikkontribwixxi l-EEA għal din il-ħidma?

Il-ħidma tagħna tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika ta' l-UE dwar l-art u l-ħamrija. Il-valutazzjoni Ewropea riċenti tal-kapaċità tal-ħamrija li tipprovdi servizzi ta' l-ekosistema hija eżempju wieħed. Il-Programm ta' Ħidma Pluriennali tagħna jittratta wkoll l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-art u valutazzjoni tal-ekosistemi u kontabilità tal-kapital.

L-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-art tistudja l-bilanċ bejn il-provvista tal-art u d-domandi funzjonali fuqha. Tirrikonoxxi li l-art hija finita u mhux rinnovabbli, u tqis kif it-tibdil fil-kopertura ta' l-art, pereżempju għal skopijiet infrastrutturali u industrijali, jaffettwa s-servizzi li l-art tista' toffri. Tinkludi wkoll ir-riċiklaġġ ta' l-art bħala tweġiba għat-teħid ta' l-art, tippromwovi l-użu mill-ġdid ta' art li tkun ġiet żviluppata iżda li tkun ġiet abbandunata.

Ħidma fuq il-bilanċ tan-nutrijenti fil-ħamrija bħalma huma n-nitroġenu u l-fosfru, kif ukoll metalli bħal ram, żingu, kadmju u ċomb tikkontribwixxi għall-valutazzjoni ta' l-ekosistema u għall-proġetti ta' kontabilità tal-kapital ta' l-EEA. Il-baġits ta' l-UE u nazzjonali kienu ġew stmati fl-2014, u attwalment qegħdin jiġu eżaminati l-eċċessi tat-tagħbijiet kritiċi ta' depożizzjoni ta' emissjonijiet ta' l-ammonja fir-rigward tal-bijodiversità, il-lixxivjazzjoni u l-iskular tan-nitroġenu u tal-fosfru fir-rigward ta' l-ilma ta' taħt l-art u tal-wiċċ, u t-teħid ta' kadmju fir-rigward tal-kwalità ta' l-ikel.

L-EEA trid data armonizzata dwar dawn il-kwistjonijiet, li twassal għal data paragunabbli tal-pajjiżi fl-Ewropa kollha. Għalhekk, tikkoopera maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), li jiġbor data dwar il-ħamrija taħt il-mandat taċ-Ċentru Ewropew tad-Data dwar il-Ħamrija. Id-data dwar l-art tiġi minn osservazzjonijiet satellitari minn Corine Land Cover (CLC) u minn Saffi b'Riżoluzzjoni Għolja (HRLs), inkluż l-impermeabbiltà.

Biex tiżdied il-viżibbiltà ta' l-art u tal-ħamrija, l-EEA ħolqot ukoll raggruppament tematiku ta' indikaturi. Attwalment dan jinkludit-teħid ta' l-art, l-impermeabbiltà, il-ġestjoni ta' siti kontaminati u l-frammentazzjoni ta' l-art u tinkludi indikaturi li ġejjin minn ħidma dwar it-tibdil fil-klima fosthom il-materja organika fil-ħamrija, l-erożjoni tal-ħamrija u l-kontenut ta' ilma fil-ħamrija.

U rigward il-politika dwar l-art u l-ħamrija?

Il-politika ta' l-UE li hija rilevanti għall-art u għall-ħamrija hija frammentata u d-dispożizzjonijiet eżistenti fil-politiki ambjentali, agrikola jew reġjonali la huma koordinati u lanqas komprensivi. L-Istrateġija Tematika għall-Ħamrija tal-2006 hija dokument ta' gwida, li jispjega l-ħtieġa għal azzjoni ulterjuri biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija u l-użu sostenibbli tal-ħamrija. Madanakollu, Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija, li ġiet proposta fl-2006, ġiet irtirata s-sena li għaddiet.

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tippjana li tistudja l-politika eżistenti ta' l-UE u dik nazzjonali li hija rilevanti għall-ħamrija, l-effikaċja u l-koerenza tagħhom, u kwalunkwe nuqqas li jista' jkun hemm. Dan huwa bi tweġiba ghas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, li fih l-UE timpenja ruħha li tuża u tiġġestixxi l-art b'mod sostenibbli u tipproteġi l-ħamrija, u ssib l-aħjar modi kif dan jintlaħaq abbażi tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' sussidjarjetà.

B'mod globali, l-Istati Membri tan-NU huma mistennija jaqblu dwar l-SDGs f'Settembru. Bil-formulazzjoni attwali, l-art u l-ħamrija huma inklużi f'diversi miri. Madanakollu, it-treġġigħ lura tax-xejra tat-telf ta' riżorsi tal-art u tal-ħamrija fuq livell globali jiddependi mill-implimentazzjoni tal-SDGs fuq livell nazzjonali u subnazzjonali.

Geertrui Louwagie

Intervista ppubblikata fil-ħarġa Nru 2015/2 tal-bullettin ta’ l-EEA, Ġunju 2015.

Permalinks

Geographic coverage

Topics

Dokument ta’ Azzjonijiet