li jmiss
preċedenti
punti

News

Titjib notevoli fil-kwalità tal-arja tal-Ewropa matul dawn l-aħħar għaxar snin, inqas imwiet marbuta mat-tniġġis

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 23 Nov 2020 Mibdul l-aħħar 18 Jan 2021
5 min read
Photo: © Neil Luckett, My City /EEA
Kwalità tal-arja aħjar wasslet għal tnaqqis sinifikanti fl-imwiet prematuri matul dawn l-aħħar għaxar snin fl-Ewropa. Madankollu, l-aħħar data uffiċjali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) turi li kważi l-Ewropej kollha għadhom ibatu minn tniġġis tal-arja, li jwassal għal madwar 400 000 mewta prematura fil-kontinent kollu.

Id-datatal-EEA turi li l-investiment fi kwalità tal-arja aħjar huwa investiment għal saħħa u produttività aħjar għall-Ewropej kollha. Politiki u azzjonijiet li huma konsistenti mal-ambizzjoni tal-Ewropa ta’ tniġġis żero, iwasslu għal ħajja itwal u aktar b’saħħitha u soċjetajiet aktar reżiljenti.

Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Ir-rapport tal-EEA “Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa — Rapport tal-2020” juri li sitt Stati Membri qabżu l-valur limitu tal-Unjoni Ewropea għall-materja partikolata fina (PM2.5) fl-2018: il-Bulgarija, il-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Italja, il-Polonja u r-Rumanija. Erba’ pajjiżi biss fl-Ewropa — l-Estonja, il-Finlandja, l-Iżlanda u l-Irlanda — kellhom konċentrazzjonijiet ta’ materja partikolata fina li kienu taħt il-valuri tal-linji gwida aktar stretti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Ir-rapport tal-EEA jinnota li għad hemm lakuna bejn il-limiti legali tal-kwalità tal-arja tal-UE u l-linji gwida tad-WHO, kwistjoni li l-Kummissjoni Ewropea tfittex li tindirizza b’reviżjoni tal-istandards tal-UE skont il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero.

L-analiżi l-ġdida tal-EEA hija bbażata fuq l-aħħar data uffiċjali dwar il-kwalità tal-arja minn aktar minn 4 000 stazzjon ta’ monitoraġġ fl-Ewropa kollha fl-2018.

Skont il-valutazzjoni tal-EEA, l-esponiment għall-materja partikolata fina kkawża madwar 417 000 mewta prematura f’41 pajjiż Ewropew fl-2018. Madwar 379 000 minn dawk l-imwiet seħħew fl-EU-28 filwaqt li 54 000 u 19 000 mewta prematura ġew attribwiti għad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) u għall-ożonu fil-livell tal-art (O3), rispettivament. (It-tliet ċifri huma stimi separati u n-numri ma għandhomx jingħaddu flimkien biex jiġi evitat l-għadd doppju).

Ir-rapport tal-EEA juri li l-politiki tal-UE, nazzjonali u lokali u t-tnaqqis tal-emissjonijiet f’setturi ewlenin tejbu l-kwalità tal-arja fl-Ewropa kollha. Mill-2000, l-emissjonijiet ta’ sustanzi ewlenin li jniġġsu l-arja, inklużi l-ossidi tan-nitroġenu (NOx), mit-trasport naqsu b’mod sinifikanti, minkejja ż-żieda fid-domanda tal-mobbiltà u ż-żieda assoċjata fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra tas-settur. L-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa mill-provvista tal-enerġija raw ukoll tnaqqis kbir filwaqt li l-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-bini u l-agrikoltura kien kajman.

Bis-saħħa ta’ kwalità tal-arja aħjar, madwar 60 000 persuna inqas mietu qabel iż-żmien minħabba tniġġis tal-materja partikolata fina fl-2018, meta mqabbel mal-2009. Għad-diossidu tan-nitroġenu, it-tnaqqis huwa saħansitra akbar minħabba li l-imwiet prematuri naqsu b’madwar 54 % matul l-aħħar għaxar snin. L-implimentazzjoni kontinwa tal-politiki ambjentali u klimatiċi fl-Ewropa kollha hija fattur ewlieni tat-titjib.

“Id-datatal-EEA turi li l-investiment fi kwalità tal-arja aħjar huwa investiment għal saħħa u produttività aħjar għall-Ewropej kollha. Politiki u azzjonijiet li huma konsistenti mal-ambizzjoni tal-Ewropa ta’ tniġġis żero, iwasslu għal ħajja itwal u aktar b’saħħitha u soċjetajiet aktar reżiljenti,” qal id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA, Hans Bruyninckx.

“Hija aħbar tajba li l-kwalità tal-arja qed titjieb bis-saħħa tal-politiki ambjentali u klimatiċi li aħna qegħdin nimplimentaw. Iżda ma nistgħux ninjoraw l-aspett negattiv — l-għadd ta’ mwiet prematuri fl-Ewropa minħabba li t-tniġġis tal-arja għadu għoli wisq. Bil-Patt Ekoloġiku Ewropew stabbilixxejna ambizzjoni għalina li nnaqqsu t-tipi kollha ta’ tniġġis għal żero. Jekk irridu nirnexxu u nipproteġu bis-sħiħ is-saħħa tan-nies u tal-ambjent, jeħtieġ li nkomplu nnaqqsu t-tniġġis tal-arja u nallinjaw l-istandards tal-kwalità tal-arja tagħna aktar mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Aħna se nħarsu lejn dan fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħna li jmiss” qal il-Kummissarju Sinkevičius.

Dan l-aħħar il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat pjan direzzjonali għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Għal Ambizzjoni ta’ Tniġġis Żero, li huwa parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-kwalità tal-arja u l-COVID-19

Ir-rapport tal-EEA fih ukoll ħarsa ġenerali lejn ir-rabtiet bejn il-pandemija tal-COVID-19 u l-kwalità tal-arja. Valutazzjoni aktar dettaljata tad-dataproviżorja tal-EEA għall-2020 u l-immudellar ta’ appoġġ mis-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera ta’ Copernicus (CAMS), jikkonferma valutazzjonijiet preċedenti li juru tnaqqis sa 60 % ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja f’ħafna pajjiżi Ewropej fejn ġew implimentati miżuri ta’ lockdown fir-rebbiegħa tal-2020. L-EEA għad ma għandhiex stimi dwar l-impatti pożittivi potenzjali fuq is-saħħa tal-arja aktar nadifa matul l-2020.

Ir-rapport jinnota wkoll li l-esponiment fit-tul għas-sustanzi li jniġġsu l-arja jikkawża mard kardjovaskulari u respiratorju, li t-tnejn li huma ġew identifikati bħala fatturi ta’ riskju għall-mewt f’pazjenti bil-COVID-19. Madankollu, il-kawżalità bejn it-tniġġis tal-arja u s-severità tal-infezzjonijiet tal-COVID-19 mhijiex ċara u hija meħtieġa aktar riċerka epidemjoloġika.

Noti

It-tgħarrif tal-EEA, valutazzjonijiet tal-EEA tar-riskju għas-saħħa mit-tniġġis tal-arja, jipprovdi ħarsa ġenerali lejn kif l-EEA tikkalkula l-istimi tagħha dwar l-impatti fuq is-saħħa ta’ kwalità ħażina tal-arja.

L-impatti tal-esponiment għat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa huma diversi, u jvarjaw minn infjammazzjoni tal-pulmun għal imwiet prematuri. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qiegħda tevalwa l-evidenza xjentifika li qiegħda tiżdied li torbot it-tniġġis tal-arja ma’ impatti differenti fuq is-saħħa sabiex tipproponi linji gwida ġodda.

Fil-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-EEA, il-mortalità tintgħażel bħala l-eżitu tas-saħħa li huwa kkwantifikat, peress li hija dik li għaliha l-evidenza xjentifika hija l-aktar robusta. Il-mortalità minħabba l-esponiment fit-tul għat-tniġġis tal-arja tiġi stmata permezz ta’ żewġ metriċi differenti: “imwiet prematuri” u “snin ta’ ħajja mitlufa”. Dawn l-istimi jipprovdu kejl tal-impatt ġenerali tat-tniġġis tal-arja fuq popolazzjoni partikolari u, pereżempju, in-numri ma jistgħux jiġu assenjati lil individwi speċifiċi li jgħixu f’post ġeografiku speċifiku.

L-impatti fuq is-saħħa jiġu stmati separatament għat-tliet sustanzi niġġiesa (PM2.5, NO2 u O3). Dawn in-numri ma jistgħux jingħaddu flimkien biex jiġu ddeterminati l-impatti totali fuq is-saħħa, peress li dan jista’ jwassal għal għadd doppju ta’ persuni li huma esposti għal livelli għoljin ta’ aktar minn sustanza niġġiesa waħda.

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Topics

Dokument ta’ Azzjonijiet