All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
L-art agrikola għandha rwol importanti fix-xejriet tal-użu tal-art madwar l-UE. Il-bwar u r-raba’ flimkien jammontaw għal 39 % tal-kopertura tal-art tal-Ewropa (EEA, 2017a). Is-settur agrikolu huwa utent ewlieni tar-riżorsi naturali u għandu relazzjoni kumplessa mal-ambjent (OECD, 2017). Id-data li ġejja tirrifletti l-prestazzjoni u l-impatti tas-settur agrikolu fl-UE:
Tnejn mill-isfidi ewlenin li tiffaċċja l-agrikoltura fl-Ewropa huma t-tibdil fil-klima (EEA, 2017c) u t-teħid tal-art, jiġifieri l-konverżjoni tal-art, pereżempju, f’insedjamenti u f’infrastruttura (EEA, 2017a). It-tibdil fil-klima jirrikjedi l-adattament tal-varjetajiet tal-għelejjel u jikkawża avvenimenti estremi tat-temp (għal aktar informazzjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, ara l-ħidma tal-EEA f’dan il-qasam jew il-Pjattaforma Climate-ADAPT) u b’hekk jitlob ġestjoni serja tar-riskju. It-teħid tal-art iwassal għal tnaqqis fl-art agrikola f’bosta reġjuni.
Minkejja l-fatt li l-iżvilupp tas-settur agrikolu jiddependi fuq bosta fatturi u varjazzjonijiet reġjonali fis-settur, jistgħu jiġu osservati xi xejriet ewlenin fil-livell Ewropew. Il-proporzjon tal-art totali li tintuża bħala art agrikola qed jonqos u s-settur qed jiġi affettwat mit-teħid tal-art, jiġifieri t-trasformazzjoni f’art artifiċjali. Indipendentement minn dan, l-għadd ta’ rziezet qed jonqos u d-daqs medju tal-irziezet qed jiżdied.
It-tliet fatturi kollha — it-teħid tal-art, l-intensifikazzjoni u l-estensifikazzjoni — iwasslu għat-telf ta’ Art Agrikola b’Valur Naturali Għoli u għal tnaqqis fil-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-art agrikola.
F’dawn l-aħħar snin, is-settur agrikolu kien qed jiġi affettwat dejjem aktar minn avvenimenti estremi tat-temp. Silġ, xita bil-qliel, għargħar u nixfiet, ikkawżati mit-tibdil fil-klima, wasslu għal tnaqqis fir-rendimenti (EEA, 2017c).
L-iżvilupp tas-settur agrikolu huwa influwenzat bil-bosta mill-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE (ara Köster, 2010). Minn mindu nħolqot f’nofs is-seklu 20, il-politika agrikola tal-UE kellha dimensjoni ekonomika b’saħħitha. Madankollu, f’dawn l-aħħar 50 sena, kien hemm bidla fit-tip ta’ sussidji mogħtija u bidla minn politika primarjament orjentata lejn is-settur, lejn politika ta’ żvilupp rurali aktar integrata ma’ miżuri strutturali u agroambjentali. Attwalment, il-PAK għandha żewġ pilastri ewlenin: Pilastru 1, li ikopri l-pagamenti diretti għall-bdiewa u l-interventi fis-suq, u Pilastru 2 li jappoġġja l-programmi għall-iżvilupp rurali.
Għall-perjodu 2010-2014, is-sehem medju tas-sussidji tal-UE fl-introjtu mill-fattur agrikolu[1] kien aktar minn 35 %, u dak tal-pagamenti diretti għall-bdiewa kien ta’ 28 %. Dawn iċ-ċifri varjaw minn aktar minn 90 % (sussidji totali) u madwar 45 % (pagamenti diretti) fis-Slovakkja għal madwar 15 % u 12 % fin-Netherlands (EPRS, 2017). Il-proposta legali tal-Kummissjoni Ewropea għall-PAK ta’ wara l-2020 ġiet ippubblikata f’Ġunju 2018. Din tfittex li tikseb orjentazzjoni tal-prestazzjoni akbar fir-rigward tal-kontribut għall-miri u l-ambizzjonijiet relatati mal-ambjent u l-klima.
Il-produzzjoni agrikola hija inkluża wkoll f’politiki oħra tal-UE u internazzjonali li xi wħud minnhom, eż. id-Direttiva dwar in-Nitrati u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, diġà huma riflessi fl-istruttura tal-PAK. Barra minn hekk, matul l-aħħar deċennju, il-politiki dwar l-enerġija u l-klima, pereżempju, waslu wkoll iż-żieda fil-produzzjoni tal-għelejjel għall-enerġija (OECD/FAO, 2017).
Barra minn hekk, is-settur jaqdi rwol importanti fl-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija dwar il-Bijodiversità tal-UE u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs).
L-EEA tikkollabora ma’ organizzazzjonijiet oħra tal-UE, pereżempju fil-kumpilazzjoni tas-sett komuni ta’ indikaturi agroambjentali (AEIs). Id-data tal-EEA tintuża fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-PAK, eż. bħala input għall-kumpilazzjoni ta’ ċerti indikaturi li jissejħu indikaturi tal-kuntest. Bis-sehem tagħha fis-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Art ta’ Copernicus, l-EEA tesplora opportunitajiet biex tintuża dejjem aktar id-data ta’ Copernicus għal valutazzjonijiet agroambjentali. Din tipprova tissodisfa wkoll il-ħtiġijiet tas-settur agrikolu għal data u prodotti ta’ Osservazzjoni tad-Dinja, eż. għall-applikazzjoni tat-teknoloġiji agrikoli ta’ preċiżjoni.
Minbarra li tikkollabora mill-qrib mal-organizzazzjonijiet l-oħra tal-UE, l-EEA taħdem flimkien maċ-Ċentri ta’ Referenza Nazzjonali fil-qasam tal-Ambjent u tal-Agrikoltura. Dawn iċ-ċentri jiffurmaw parti integrali min-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent tal-EEA (Eionet), li fih huma rrappreżentati d-39 pajjiż tal-EEA. Isiru sinerġiji max-xogħol ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO). L-EEA tikkollabora wkoll mal-komunità tar-riċerka u ma’ gruppi ta’ esperti, eż. ma’ timijiet ta’ proġetti appoġġjati mill-programm Orizzont 2020.
Ir-Rapport tal-EEA reċenti “Food in a green light” jiddiskuti l-produzzjoni u l-konsum tal-ikel, filwaqt li jagħmel dan mill-perspettiva tas-sistema alimentari.
[1] L-introjtu mill-fattur agrikolu jkejjel ir-remunerazzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni kollha (l-art, il-kapital, ix-xogħol) irrispettivament minn jekk dawn humiex proprjetà tal-impriża jew le. Dan jirrappreżenta l-valur totali ġġenerat minn impriża agrikola li twettaq attività ta’ produzzjoni u huwa ddefinit bħala l-valur tal-produzzjoni bit-tnaqqis tal-ispejjeż varjabbli, id-deprezzament u t-taxxi fuq il-produzzjoni u biż-żieda tas-sussidji fuq il-produzzjoni. (Abbażi tad-DĠ AGRI, 2017)
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/themes/agriculture/intro or scan the QR code.
PDF generated on 21 Nov 2024, 12:34 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn