All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Aħna, madankollu, bħalissa qed inkunu xhieda ta’ telfien kostanti ta’ bijodiversità, li għandu konsegwenzi profondi għad-dinja naturali u għall-benesseri tal-bnedmin. Il-kawżi ewlenin ta’ dan it-telfien huma l-bidliet fil-ħabitats naturali minħabba sistemi ta’ produzzjoni agrikola intensivi; kostruzzjoni; tqattigħ fil-barrieri, l-isfruttament żejjed ta’ foresti, oċeani, xmajjar, lagi u ħamrija; speċijiet aljeni invażivi; tniġġis u, tibdil fil-klima globali dejjem jiżdied. Ir-rwol kbir li l-bijodiversità għandha fis-sostenibilità tad-dinja tagħna u ta’ ħajjitna jagħmel it-telfien kontinwu tagħha ferm aktar inkwetanti.
Fl-Ewropa, l-attività tal-bniedem sawret il-bijodiversità sa mill-firxa ta’ l-agrikoltura u t-trobbija ta’ l-annimali aktar minn 5,000 sena ilu. Ir-revoluzzjonijiet agrikoli u industrijali ta’ l-aħħar 150 sena, madankollu, wasslu għal bidliet drammatiċi u li qed jaċċeleraw fl-użu ta’ l-art, l-intensifikazzjoni ta’ l-agrikolatura, l-urbanizzazzjoni u l-abbandun ta’ l-art. Dan min-naħa tiegħu wassal għall-kollass ta’ ħafna prattiki (eż. metodi ta’ agrikoltura tradizzjonali) li għenu jżommu l-bijodiversità rikka tal-pajsaġġi.
Il-konsum u l-produzzjoni ta’ l-iskart għoljin per capita ta’ l-Ewropa jfisser li l-impatt tagħna fuq l-ekosistemi jestendi lil hinn sew mill-kontinent tagħna. L-istili ta’ ħajja Ewropej jiddependu ħafna fuq l-importazzjoni tar-riżorsi u l-oġġetti minn madwar id-dinja kollha li spiss tinkoraġġixxi l-isfruttar mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali barra mill-Ewropa.
Il-miri l-ġodda globali u ta’ l-UE biex iwaqqfu u jreġġgħu lura t-telfien tal-bijodiversità sal-2020 huma ambizzjużi u biex dawn jintlaħqu se jkun hemm bżonn implimentazzjoni tal-politiki aħjar, koordinazzjoni bejn is-setturi, approċċi ta’ ġestjoni ta’ l-ekosistemi u fehim usa’ tal-valur tal-bijodiversità.
Għalkemm ġie rikonoxxut f’diversi livelli li l-miri biex jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità għadhom ma ġewx issodisfati, l-istabbiliment ta’ mira bħal din ċertament żied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku. Mill-2001, il-politiki li jindirizzaw it-telfien tal-bijodiversità u l-indikaturi li jivvalutaw il-progess tjiebu b’mod sinifikanti.
L-Istrateġija ta’ l-UE dwar il-Bijodiversità għall-2020 se tgħin biex il-bżonnijiet tal-bijodiversità jkomplu jiġu integrati fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politiki settorjali. Bis-sitt miri tagħha, l-Istrateġija tindirizza n-natura (mira 1), l-ekosistemi u r-restawr tagħhom (mira 2), l-użu sostenibbli tar-riżorsi tan-natura, l-art u l-baħar ta’ l-Ewropa permezz ta’ l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd (miri 3 u 4), il-problema ta’ speċi aljeni (mira 5) u l-impatti globali ta’ l-UE (mira 6). L-Istrateġija dwar il-Bijodiversità għall-2020 tgħin biex jintlaħaq l-għan kapitali naturali tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (is-Seba’ EAP) għall-2020, “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”, li daħal fis-seħħ f’Jannar 2014 u se jiggwida l-politika ambjentali Ewropea sa l-2020. It-tnejn jestendu l-viżjoni fit-tul tagħhom sa l-2050.
Strateġija dwar il-Bijodiversità għall-viżjoni u għall-mira ewlenija
Il-viżjoni
Sal-2050, il-bijodiversità ta’ l-Unjoni Ewropea u s-servizzi ta’ l-ekosistema li tipprovdi - il-kapital naturali tagħha - huma protetti, ivvalutati u rrestawrati kif xieraq għall-valur intrinsiku tal-bijodiversità u għall-kontribut essenzjali tagħhom għall-benesseri tal-bniedem u l-prosperità ekonomika, u sabiex il-bidliet katastrofiċi kkawżati mit-telfien tal-bijodiversità jiġu evitati.
Il-mira ewlenija
Twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi ta’ l-ekosistema fl-UE sa l-l-2020, u tirrestawrahom sa fejn ikun fattibbli, filwaqt li żżid il-kontribut ta’ l-UE biex jiġi evitat it-telfien tal-bijodiversità globali.
L-Istrateġija dwar il-Bijodiversità għall-2020 timxi fuq il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar il-Bijodiversità ta’ l-2006, permezz ta’ l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tiegħu u tgħolli l-livell ta’ ambizzjoni. Barra minn hekk, ġiet xkattata mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika u hija kompletament konformi magħha, li hija l-aktar politika ta’ bijodiversità globali importanti ddedikata biex twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u miegħu t-telfien tas-servizzi ta’ l-ekosistema sa’ l-2020.
F’Ottubru 2010, 193 partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika, inkluż l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha, iltaqgħu fil-Ġappun. F’din l-10 laqgħa tal-partijiet għall-Konvenzjoni, ġew adottati serje ta’ ftehimiet importanti li kienu jinkludu l-hekk imsejħa miri ta’ Aichi, li tagħti qafas għall-pajjiżi biex jitnedew attivitajiet importanti biex il-bijodiversità, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom jinżammu, jissaħħu u jiġu rrestawrati.
Bħala parti għall-Konvenzjoni, l-UE hija meħtieġa li tallinja l-politiki ta’ bijodiversità tagħha stess ma’ dawn l-impenji internazzjonali. Dan huwa rifless fis-Seba’ EAP u l-mira ta’ politika tiegħu ta’ l-2020 u l-viżjoni ta’ l-2050. Il-viżjoni ta’ l-2030 stabbilita fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti tkompli ssaħħaħ u tikkonferma l-proċess tal-politika, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-integrazzjoni tagħhom fil-politiki settorjali.
L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ l-2015 ta’ l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità għall-2020 ikkonkludiet li b’mod ġenerali, it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi ta’ l-ekosistema fl-UE marru għall-agħar wara l-linja bażi tal-bijodiversità ta’ l-UE għall-2010. Dan ġie wkoll ikkonfermat mir-rapport ta’ l-EEA, The European Environment – State and Outlook 2020 (L-Ambjent Ewropew – Stat u Prospettiva għall-2015). Dan l-aggarvar huwa konsistenti max-xejriet globali u għandu implikazzjonijiet serji għall-kapaċità tal-bijodiversità biex tissodisfa l-bżonnijiet tal-bniedem fil-futur. Filwaqt li ħafna suċċessi lokali juru li l-azzjoni fil-prattika tagħti riżultati pożittivi, dawn l-eżempji jeħtieġ li jiżdiedu biex ikollhom impatt li jista’ jitkejjel fuq ix-xejra negattiva ġenerali.
Il-politika ta’ konservazzjoni tan-natura tal-UE hija bbażata fuq żewġ partijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni: id-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats. Dawn iż-żewġ direttivi jipprovdu l-bażi għan-netwerk Natura 2000, netwerk ta’ zoni protetti biex jiġu ssalvagwardjati l-ispeċijiet u l-ħabitats ta’ interess Ewropew speċjali.
Għall-ilmijiet interni u tal-baħar, hemm żewġ direttivi qafas rispettivi: id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Dawn stabbilew miri fejn l-elementi bijotiċi u abijotiċi tal-ekosistemi se jgħinu biex jiġu implimentati l-miri ta’ l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità għall-2020, u s-Seba’ EAP f’termini ta’ bijodiversità, ekosistemi u s-servizzi tagħhom.
L-EEA taħdem b’mod attiv biex tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politiki u liċ-ċittadini Ewropej bl-aħħar informazzjoni disponibbli dwar il-bijodiversità u l-ekosistemi Ewropej. Ix-xogħol ġenerali ta’ l-EEA f’dan il-qasam huwa li tappoġġja u tinforma l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika permezz ta’ data, informazzjoni/indikaturi u valutazzjonijiet, li jintegraw l-analiżi tal-ispeċijiet u l-ħabitats b’valutazzjonijiet usa’ ta’ ekosistemi u s-servizzi tagħhom.
L-EEA tappoġġja d-direttivi dwar in-natura msemmija hawn fuq permezz ta’ rapportar fuq Reportnet u ċ-Ċentru ta’ Data tal-Bijodiversità, u taħdem mill-qrib man-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni ta’ l-Ambjent ta’ l-EEA (Eionet) u ċ-Ċentru Tematiku Ewropew dwar il-Diversita’ Bijologika. L-attivitajiet ewlenin jinkludu:
Jeħtieġ li li jkun hemm aktar żvilupp fis-sistemi ta’ informazzjoni ta’ l-EEA biex jikkonformaw mad-direttivi dwar in-natura, u l-istrateġiji ta’ l-UE dwar il-Bijodiversità u l-Bijodiversità Globali. B’mod partikolari, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Bijodiversità , li hija portal tal-web li jiċċentralizza l-informazzjoni dwar il-bijodiversità Ewropea (jiġifieri politiki, data u valutazzjoni) f’post wieħed, se tkompli tiġi żviluppata mill-EEA.
L-EEA se tkompli taħdem biex tiżviluppa indikaturi u valutazzjonijiet ibbażati fuq metodoloġiji sodi, fil-ħin u rilevanti għall-politika. Dan se jinkludi bżonnijiet emerġenti minn analiżi tal-effettività tal-politika, b’mod partikolari l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija dwar il-Bijodiversità għall-2020 u l-valutazzjonijiet ta’ l-ekosistema sottoglobali/reġjonali, kif ukoll appoġġ lil pjattaformi ta’ interfaċċa tal-politika tax-xjenza fil-livelli Ewropej u globali, eż. Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES).
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/themes/biodiversity/intro or scan the QR code.
PDF generated on 21 Nov 2024, 12:04 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn